L-element semitiku fil-Malti

L-istorja ta' pajjiżna turina li għal sekli sħaħ Malta kienet maħkuma minn qawwiet barranin. Dawn il-ħakmiet influwenzaw lill-poplu tagħna f'bosta oqsma fosthom il-lingwa li nitkellmu. Fil-qasam lingwistiku, nistgħu ngħidu li l-Għarab ħallew l-akbar effett u llum għandna provi biżżejjed biex ngħidu li s-sisien ta' lsienna huma sewwasew Semitiċi Għarab.

Parti kbira mill-vokabularju Malti għandha bażi Semitika. Fil-fatt, fi lsienna nsibu bosta forom grammatikali, bħal forom verbali, aġġettivali u nominali, li għandhom binja Semitika. L-ewwel perijodu storiku assoċjat ma' lingwa huwa l-perijodu ta' żmien il-Feniċi. Huma kienu razza ta' nies Semitika u ġew mil-Libanu. L-Feniċi taw għamla definita lill-alfabet kif nafuh illum. Fl-antik, is-studjużi l-Maltin, fosthom Ġan Frangisk Abela, kienu jaħsbu li l-Malti ġej mill-Puniku, iżda llum nafu li l-eqdem saff lingwistiku fil-Malti ġej mill-Għarbi djalettali. Fil-perijodu Biżantin, il-knisja kattolika f'Malta kienet parti minn dik Ortodossa fil-Lvant. X'aktarx li f'dak iż-żmien daħal fi lsienna xi kliem ta' nisel Semitiku tan-natura reliġjuza; bħal magħmudija, qrar, quddiesa, qassis, knisja, sawm u oħrajn.

Fl-element Semitiku fil-Malti, insibu kliem primittiv marbut man-natura, l-aktar mal-biedja u s-sajd anke għax l-Għarab kienu bdiewa u sajjieda. L-elementi ewlenin fin-natura u fid-dinja fiżika ta madwarna, x'aktarx li niddeskrivuhom b'lessiku Semitiku, fosthom kliem bħal xemx, kwiekeb, sema, ragħad, beraq, widien, siġar. Fil-qasam ta' metalli nsibu kliem ta' nisel semitiku, bħal: ħadid, deheb u fidda.

Bosta ismijiet ta' annimali u ħut li jinstabu f'Malta, speċjalment l-annimali tar-razzett, huma wkoll ta' oriġini Semitiċi, fosthom kliem bħal kelb, fenek, tiġieġa, serduk, burqax, nagħga, ġurdien u baqra. Anke xi ismijiet ta' insetti u rettili li għandna f'Malta x'aktarx li għandhom isem semitiku, bħal dubbien, nemel u naħla. Hekk ukoll l-ismijiet tas-siġar, il-ismijiet tal-ħxejjex u l-ismijiet tal-frott l-aktar bażiċi fosthom tina, ħawħa, tuffieħa, ħass, tadam, basal u tursin.

Xi ismijiet ta' postijiet u lokalitajiet f'Malta jixhdu wkoll l-influwenza tal-Għarbi. Kienu l-Għarab li semmew lill-gzejjer Maltin kif nafuhom illum. Xi ismijiet ta' rħula u bliet Maltin li għandhom oriġini Semitiċi huma l-Imdina, il-Mosta, Birkirkara u ż-Żejtun. Anke binja ta' xi ismijiet ta' postijiet hija ta' oriġini Semitika, per eżempju ismijiet li qegħdin fl-istat kostrutt bħal Wied il-Għajn u Fomm ir-Riħ, ismijiet li qegħdin fil-forma tad-diminuttiv bħal id-Dwejra u l-Ġnejna, ismijiet li jibdew bi prepożizzjoni bħal Ta' Qali, Ta' Xbiex u Ta' Xuri.

L-influwenza tal-Morfoloġija Semitika hija b'saħħitha ħafna fil-Malti u n-nomi Semitiċi huma kklassifikati bħal xi forma grammatikali jew oħra. Hemm nomi ewlenin u nomi mnisslin. In-nomi ewlenin huma l-aktar bażiċi; u l-kollettiv huwa klassi kbira ta' dawn in-nomi. Fis-Semitiku, il-kollettiv jitqies bħala maskil singular, bħal ħobż (ħobż frisk), ħadid (ħadid tqil) u nemus (nemus fitt). Mill-kollettiv nistgħu nnisslu l-forma definita tal-femminil singular biż-żieda tas-suffiss: nemusa, ħobża. Xi nomi Semitiċi li tradizzjonalment kienu kollettiv, illum nużawhom bħall-plural; fosthom siġar (siġar kbar) u baqar (baqar ħoxnin).

In-nomi mnisslin x'aktarx mnisslin minn xi partiċipju jew nom ieħor. Nomi mnisslin minn verb jissejħu nomi verbali. Fil-Malti, in-nomi mimmati huma nomi ta' post (eż. maħżen), għodda (moqdief), żmien (Milied) jew ismijiet għandhom tifsira astratta (eż. mħabba).

Dan huwa biss ftit evidenza ta' s-sisien Semitiċi fi lsienna.
